Ġabra ta’ ħarsiet lura u l’ quddiem fl-istorja tal-attiviżmu kulturali f’Malta u l-Mediterran

L-organizzazzjoni kulturali Inizjamed kienet formattiva għalija u għal ħafna nies li llum il-ġurnata huma operaturi kulturali f’Malta u l-Mediterran. Flimkien mal-kitba, il-festivals u r-residenzi tal-kittieba, sar u għadu jsir ħafna xogħol ta’ politika kulturali u parteċipazzjoni f’fora nazzjonali u internazzjonali. Il-kollezzjoni ta’ kitbiet, editjata minn Keith Borg, ħarġet fl-2026 u tiċċelebra 25 sena ta’ attività u ħidma kreattiva u kollaborattiva.

Din hija silta mill-ktiba tiegħi:

ORGANIZZAZZJONI KOLLABORATTIVA

Inizjamed stess kienet twaqqfet ftit żmien wara għaqdiet oħra li kienu jiġbru fihom nies li kellhom din il-perspettiva ħolistika tas- soċjetà, u li wieħed kien isib ukoll fix-xena kulturali. Għalhekk flimkien mal-Koperattiva Kummerċ Ġust, li kelli x-xorti naħdem magħha għal ftit żmien favur l-edukazzjoni ta’ prassi aktar ġusta tal-produzzjoni u l-konsum ta’ prodotti u servizzi, u Kopin, iddedikata għall-koperazzjoni u l-għajnuna internazzjonali, Inizjamed waqqfet il-Forum għall-Ġustizzja u l-Koperazzjoni, li saħansitra beda jopera minn uffiċċju komuni fil-bini tal-Pixxina Nazzjonali, l-Imsida, biswit l-Università. Minn dan l-uffiċċju, iżda ta’ spiss xorta waħda mill-kċejjen u s-salotti tal-membri ta’ dawn l-għaqdiet fi djar mimlija skambji ta’ ideat, dokumentazzjoni dejjem tiżdied, komunikazzjoni bikrija imma dejjem aktar konsistenti bl-email u minn fuq l-internet bil-linja tat-telefown, tazzi te u kafè ma jiqfux, kif ukoll tfal jitrabbew f’dawn l-ambjenti kkargati bil-kurżità, tnedew ħafna kollaborazzjonijiet bejn sħab lokali u oħrajn barra minn Malta. Fost l-ewwel impenji li servewni ta’ formazzjoni professjonali kien il-ħin volontarju li qattajt insegwi sehem Inizjamed fl-għaqda b’vokazzjoni Ewropea u Mediterranja magħrufa bħala l-Bjennale taż-Żgħażagħ Artisti tal-Ewropa u l-Mediterran, jew BJCEM fl-akronimu bil-Franċiż. Inizjamed kienet għenet twaqqaf din l-għaqda fl-1999 u mill-bidu kienet attiva fl-għajnuna artistika, kuratorjali, editorjali, u ta’ żvilupp professjonali li ngħatat lil mijiet ta’ artisti żgħażagħ minn artijiet tan-naħa ta’ fuq u t’isfel tal- Mediterran, minn Malta lejn xtut oħra, u saħansitra bil-kontra.

Ara wkoll dan il-post tal-Professur Adrian Grima:

Adrian Grima post

Leave a comment