Din il-ktiba tikkonsidra r-relazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea (UE) fil-qasam tal-politika kulturali. Id-deskrizzjoni tal-iżviluppi f’ dir-relazzjoni tiffoka fuq aspetti tal-politika, tal-governanza, tal-ippjanar, kif ukoll tat-taħriġ u tal-iffinanzjar ta’ proġetti u proċessi ta’ kollaborazzjoni.
In-narrattiva tpoġġi f’kuntest kronoloġiku mumenti ewlenin li ser jitqiesu bħala s-sisien ta’ żviluppi aktar reċenti, b’mod partikolari dawk li seħħew mis-sħubija ta’ Malta fl-UE ’l hawn. Il-ktiba toffri analiżi kritika tal-episodji deskritti u spjegati, bl-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet fl-implimentar ta’ politika li setgħet twassal għal soċjetà tabilħaqq ta’ benessri u aktar ġusta permezz tal-kultura.
L-argument ewlieni tal-ktiba huwa dan: minħabba li l-kultura hija pprattikata fi ħdan l-UE abbażi tas-sussidjarjetà, u għalhekk b’importanza kbira mogħtija lill-kuntesti nazzjonali u l-miri tal-istati membri, l-impatt pożittiv tal-politika kulturali f’Malta qed jiġi mxekkel minn prijoritajiet ekonomiċi u politiċi; aktar ma jgħaddi ż-żmien, dawn aktar qed jillimitaw l-iżvilupp ta’ riżultati kreattivi, indipendenti mill-gvern u soċjalment ġusti.
Dan ix-xenarju mhux qed jiżvolġi Malta biss; dan huwa minnu għax il-politika inġenerali tal-UE, anke fejn tidħol il-kultura, tipprova tlaħħaq ma’ għanijiet ekonomiċi fuq naħa, u soċjali fuq oħra, iżda mingħajr ma
tirrisolvi b’mod sodisfaċenti t-tensjoni li nħolqot.
Il-ktiba għandha relevanza storika b’saħħet narrattiva li tispjega kif l-iżvilupp tal-politika u l-prassi kulturali f’Malta interraġixxa ma’ xejriet oħra fl-Ewropa li ser tkun mifhuma bħala entità politika. B’saħħet dan tiġi
żviluppata kritika ta’ żvolġimenti ewlenin u ta’ kif dawn qed jiimmarkaw il-kamp lokali, iżda wkoll kif qed jonqsu milli jagħmlu dan biżżejjed.
Għaldaqstant jinsab valur kontemporanju peress li jiġu kkonsidrati żviluppi reċenti u kontemporanji li jwasslu għall-possibilità ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni.
Din il-ktiba tinsab fl-Annwarju Kulturali Malti 2024 (2025) maħruġ mid-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali. Ikkuntattjani minn fuq dil-paġna jew fuq karsten.xuereb@um.edu.mt għal kopja diġitali għal użu professjonali personali.
